Passiġġati u Postijiet għal Kwiet
Kont taf li r-riċerka turi li anke sagħtejn fin-natura kapaċi jagħmlu ħafna ġid għas-saħħa mentali tagħna? Fortunatement f’Malta, fi ftit ħin nistgħu naslu f’postijiet tant sbieħ u li joffru ftit kwiet u trankwillita`. M’intix ċert fejn ser tabqad tmur? Hawn taħt għazilna xi wħud mil-postijiet l-iktar għal qalbna.
‘Walk & Talk’
‘Walk and Talk’ hija inizjattiva li tgħaqqad flimkien in-natura, is-saħħa mentali u s-sapport. Kull xahar jiġu organizzati mixjiet f’postijiet differenti madwar Malta, u l-għan wara dawn il-mixjiet huwa li joffru post kalm qalb in-natura fejn dak li jkun jista’ jitkellem u jiftaħ qalbu. L-inizjattiva hija appoġġjata mill-Fondazzjoni Richmond, Birdlife Malta u Mental Health Association Malta. Segwi l- paġna ta’ Facebook biex tkun aġġornat fuq meta u fejn ser issir il-mixja li jmiss.
Ir-Razzett ‘Dreams of Horses’
Wied Tal-Ghejun, Ix-Xagħra, XRA 2207, Gozo
Ir-razzett ‘Dreams of Horses’ joffri diversi faċilitajiet, fosthom esperjenzi pjaċevoli u uniċi għal kulħadd, li fl-istess ħin huma terapewtiċi. Dan isir permezz ta’ programmi ta’ tagħlim interattiv u prattiku li jinvolvi ż-żwiemel u ħafna annimali oħra tar-razzett. Is-santwarju huwa kenn sikur u dar għal żwiemel u annimali domestiċi oħra, li ħafna drabi jiġu salvati minn ħajja ta’ moħqrija u tbatija. Dan il-proġett ġie mwaqqaf minn Victor Muscat u l-familja tiegħu u appoġġjat mill-NGO DREAMS OF HORSES (V / O1617).
Il-Ġonna tal-Buskett
Il-Buskett, l/o Rabat/Siggiewi.
Il-Ġonna tal-Buskett joffru mixijiet sbieħ u rilassanti. Dawn il-ġonna huma wkoll wirt storiku peress li oriġinarjament kienu mħawwla mill-Kavallieri ta’ Malta li kienu jużaw dawn l-inħawi bħala post għall-kaċċa.
Meqjus bħala l-unika post f’Malta simili għal bosk, il-Buskett huwa bla dubju ġawhra prezzjuża għal Malta. Filwaqt li żgur li mux ser tiltaqa ma’ l-ebda ħanżir selvaġġ, tista bla dubju tgawdi waħda mill-iktar żoni imħaddra f’Malta, miżgħuda b’arbuxxelli u siġar tal-frott mill-isbaħ.
Ġnien l-Għarusa tal-Mosta
Triq Misraħ Għonoq, Mosta.
Dan huwa ġnien pubbliku żgħir li jinsab fil-periferija tal-Mosta. Filwaqt li m’għandux il-kobor u l-kotra ta’ siġar, pjanti u fjuri li għandhom ġonna oħra ferm akbar, dan il-ġnien żgħir u seren jagħmel kuntrast pjaċevoli maċ-ċentru tal-belt Mostija li ħafna drabi jkun miżgħud bit-traffiku.
Il-Park tal-Majjistral
Visitor Centre, Triq Għajn Tuffieħa, Manikata, MLH 5510
Il-Park tal-Majjistral huwa l-ewwel Park Nazzjonali f’Malta. Dan jinsab fil-majjistral tal-gżira u jinkludi medda kostali ta’ madwar sitt kilometri tul u tkopri ż-żona min Anchor Bay (Il-Prajjet) sa Golden Bay (Il-Bajja tal-Mixquqa) u internament lejn ix- Xagħra l-Ħamra. Il-park jinkludi elementi ta’ interess naturali u kulturali u huwa, b’hekk, prodott turistiku ta’ valur. F’dawn l-inħawi tista’ ssib kemm żoni ta’ wirt rurali u militari, ħabitats uniċi għall-flora, għerien naturali kif ukoll irdum kostali.
Ir-Riżerva Naturali tal-Għadira
Triq il-Marfa, Il-Mellieħa, MLĦ 9064
Din ir-riżerva naturali tinsab fit-tramuntana ta’ Malta, eżattament fil-periferija tal-Mellieħa u tikonsisti f’seba’ ettari ta’ art. Minħabba l-klima niexfa ta’ Malta, żoni permanenti ta’ ilma intern huma rari, u b’hekk l-artijiet mistagħdra tal-Għadira huma abitat estremament importanti għall-għasafar u annimali selvaġġi oħra. Madwar 140 speċi ta’ għasafar li jemigraw jidhru kull sena. Ħafna mill-għasafar li jidhru huma migranti, li jieqfu jistrieħu qabel ma jkomplu l-vjaġġi twal tagħhom.
Xrobb l-Għaġin
Delimara, l/o Marsaxlokk
Il-Park Naturali u Ċentru ta’ żvilupp sostenibbli ta’ Xrobb l-Għaġin jikkonsisti f’iktar minn 155,000 metru kwadru ta’ art fuq peniżola li tispikka għal veduti panoramiċi tagħha li jagħtu ghal fuq il-lokalità ta’ Marsaxlokk.
Mixjiet Oħra Madwar Malta