Sinjali u Sintomi

L-ansjetà tista’ taffetwa l-mod kif wieħed jaħseb u jaġixxi. Din taffetwa ukoll is-saħħa fiżika kif ukoll l-emozzjonijiet tiegħek. Normalment, l-ansjetà tkun limitata għal ftit ħin u tkun relatata ma’ sitwazzjoni li tista’ tkun stressanti, bħal ‘interview’ għal xogħol ġdid. It-tip t’ ansjetà li jesperjenzaw persuni b’xi kundizzjoni tal-ansjetà tkun aktar frekwenti u persistenti u mhux bilfors tkun assoċjata ma’ sitwazzjoni partikulari. Kull kundizzjoni tal-ansjetà għandha sintomi differenti minn kundizzjonijiet oħra, pero` hemm xi ftit li huma komuni fil-kundizzjonijiet kollha.

Is-Sintomi

Fiżiċi

Qalb tħabbat mgħaġġla, uġigħ fis-sider, jiħmar il-wiċċ, nifs mgħaġġel u mhux fil-fond, qtugħ ta’ nifs, sturdament, uġigħ ta’ ras, għaraq, tnemnim, xriraq u ħalq niexef, uġigħ fl-istonku, dardir, rimettar u dijarea, uġigħ fil-muskoli (b’mod speċjali fl-għonq, spallejn u d-dahar), il-persuna tħossha li m’għandiex kwiet f’ġisimha u rogħda

Fl-Imġieba

Wieħed jevita sitwazzjonijiet li jqanqlu ħafna ansjetà, imġieba ossessiva jew kompulsiva, tensjoni f’sitwazzjonijiet soċjali u użu eċċessiv t’alkoħol u sustanzi oħrajn.

Psikoloġiċi

Biża’ u nkwiet eċċessiv u mhux realistiku (dwar il-passat u dwar avvenimenti fil-futur), il-moħħ jibda jiġri bil-persuna jew jinsa kollox, irritabilita`, rabja u nuqqas ta’ paċenzja, nervi, nuqqas ta konċentrazzjoni, nuqqas fil-memorja, konfużjoni, indeċiżjoni u ħolm ikraħ.

F’li Tħoss

Ħafna biża’ u thewdin, nervi, bla paċenjza, rabja, aġitat.