Sinjali & Sintomi tad-Dipressjoni

Nies differenti ser jesperjenzaw is-sintomi ta’ dipressjoni b’mod differenti. L-aktar sintomi komuni generalment huma meta persuna tesperjenza burdata dipressiva jew irritabbli u kif ukoll nuqqas ta’ pjacir jew interess f’attivitajiet li qabel kienet tiehu gost taghmilhom. Dawn is-sintomi huma esperjenzati kwazi kull jum ghal perjodu mhux inqas minn gimghatejn. Huwa importanti li jigi nnotat li kulhadd jista’ jesperjenza ftit minn dawn is-sintomi t’hawn that f’xi punt f’hajjtu, specjalment meta l-persuna tkun ghaddejja minn zmien difficli. Dan mhux necessarjament ifisser li l-persuna ghandha d-dipressjoni. Pero’, jekk il-persuna thoss li s-sintomi t’hawn that qieghedin jibdew jikkawzaw diffikulta’ jew qieghedin ikunu ta’ interferenza fl-attivitajiet ta’ kuljuum tal-persuna jew fir-relazzjonijiet tal-persuna, hija idea tajba li l-persuna titkellem ma’ xi hadd professjonali.

Is-Sintomi

Fiżiċi

Tista’ tkun qiegħed tesperjenza nuqqas t’energija jew tħossok kontinwament bi ngħas. Tista’ tkun qiegħed torqod wisq jew ftit li xejn, tiekol iżżejjed jew jinqatalek l-aptit tal-ikel. Sintomi oħrajn jinkludu konstipazzjoni, irregolaritajiet fiċ-ċiklu menstruali, nuqqas ta’ aptit sesswali, uġiegħ ta’ ras u uġiegħ li diffiċli tispjegah.

Sintomi Psikoloġiċi

Tista’ tkun qiegħed tħossok imdejjaq, anzjuż, ħati jew responsabbli, irritabbli jew irrabjat. Tista’ tkun wkoll qiegħed tesperjenza tibdil fil-burdata jew sensazzjonijiet t’emozzjonijiet vojta, bla saħħa u tħossok li ma’ hemmx skop.

Sintomi fl-Imġieba

Sintomi komuni jinkludu nuqqas t’interess u nuqqas ta’ motivazzjoni fil-manteniment personali, diffikulta’ biex tlaħħaq mar-responsabbiltajiet ta’ kuljum, biki, tinqata’ waħdek, tħossok miexi bil-mod, tweġġa’ lilek innifsek jew tuża’ drogi jew alkoħol.

Ħsibijiet

Titfa’ t-tort fuqek jew tikkritika lilek innifsek, tinkwieta, ssibha difficli biex tiftakar jew tikkonċentra, jkollok perspettiva negattiva tal-ħajja huma kollha sintomi ta’ dipressjoni. Tista’ wkoll temmen li ħaddieħor qiegħed jarak f’dell ikrah u ssib ruħek taħseb fuq il-mewt u s-suwiċidju.

Jekk inti jew taf lil xi ħadd li qiegħed jesperjenza dawn is-sintomi msemmijin hawn fuq, tista’ tiċċekja din il-lista li hija semplici, anonima u faċli biex timla [link to checklist]. Minkejja li din mhux ser tipprovdi dijanjosi, tista’ tgħinek billi tgħatik idea ta’ x’inti tesperjenza. Tista’ wkoll tiċċekja l-lista ta’ sapport disponibbli u offrut hawnhekk.