Min Jista’ Jgħin

Li ssib lil xi ħadd li jifhmek kapaċi jkun wieħed mill-iktar passi importanti. Ikun hemm min jirnexxielu jmur tajjeb mal-ewwel professjonist li jfittex, waqt li jkun hemm oħrajn li jkollhom bżonn jiltaqgħu ma’ nies differenti qabel iħossuhom verament komdi jiftħu qalbhom. L-importanti huwa li ma taqtax qalbek! Żgur ser issib professjonist li ser jipprova jifhem dak li inti għaddej minnu u jgħinek timxi l-quddiem.

Psikologu? Psikjatra? Psikoterapija? Nisimgħu ħafna kliem li forsi jfixkilna, u ma nkunux nafu liem professjonist jista’ jgħinna. Hawn isfel għandek gwida ta’ professjonisti differenti biex tgħinek ftit iktar tifhem id-differenza bejniethom. Tajjeb li nsemmu li għal fini ta’ kitba, ġieli nirreferu għal xi professjonisti fil-maskil, madanakollu jeżistu professjonisti ta’ kull ġeneru.

Lista ta’ Professjonijiet

It-Tabib tal-Familja

Tabib tal-familja huwa l-ewwel persuna fejn inti tista’ tfittex l-għajnuna. Huwa jkun jista’ jiċċekja jekk għandekx xi problemi ta’ saħħa fiżika, li jistgħu jkunu qed ikollhom effett fuq is-saħħa mentali tiegħek. Permezz ta’ dijanjosi, it-tabib tal-familja jkun jista’ jispjega s-sintomi li tkun qed tħoss, u b’hekk jara jekk ikunx hemm il-bżonn li jordnalek xi mediċina. Jista’ wkoll jissuġġerixxi ċerti bidliet fl-istil ta’ ħajja jew jissuġġerixxi xi għajnuniet oħra bħal ngħidu aħna eżerċizzji fiżiċi li jistgħu jkunu utli biex inti tikontrolla aħjar is-sitwazzjoni. It-tabib tal-familja jkun jista’ jirreferik ukoll għal speċjalisti jew servizzi li jkunu jistgħu jipprovdu aktar appoġġ.

Psychology Officers

Meta ċċempel fuq helpline jew tuża chat bħal OLLI Chat, wisq probabli ser tkun qed titkellem ma’ Psychology Officer. Psychology Officers huma professjonisti tas-saħħa mentali mħarrġa f’diversi oqsma soċjali bħall-psikoloġija, xogħol soċjali u xogħol maż-żgħażagħ. Permezz tat-taħriġ tagħhom, huma kapaċi jassistu b’mod ħolistiku lil dawk li jkunu qed isofru minn kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali varji, bħal depressjoni u ansjeta`. Bl-interventi terapewtiċi u l-appoġġ tagħhom, dak li jkun jingħata l-għajnuna meħtieġa u jiġi ggwidat kemm emozzjonalment kif ukoll b’mod prattiku. Psychology Oficers jaħdmu flimkien mal-persuna u professjonisti oħra involuti biex joħolqu pjan ta’ kura skond il-bżonnijiet personali, filwaqt li jkunu konformi mat-trattament u l-kura psikjatrika. Dawn il-professjonisti ġeneralment jaħdmu fi ħdan is-servizzi tal-komunita`, bħal per eżempju il-Fondazzjoni Richmond.

Social Workers

M’għandekx bżonn riferiment biex tistaqsi appoġġ minn social worker. Social orkers li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa mentali jingħataw warrant mill-Malta Social Work Profession Board. L-għan ewlieni tas-social worker huwa li tagħti s-setgħa lill-individwu u lill-komunitajiet biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u biex iżommu kwalita` ta’ ħajja tajba fis-soċjeta`. Dawn il-professjonisti huma mħarrġa f’diversi diffikultajiet soċjali, u jkunu kapaċi jivvalutaw, jiggwidaw u jagħtu l-għajnuna meħtieġa. Is-social workers jgħinu wkoll lil dak li jkun iqassam xogħolu fil-ħajja ta’ kuljum, jgħinuh sabiex ilaħħaq ma’ sitwazzjonijiet differenti u jgħinu biex jissolvew problemi personali u tal-familja.

Counsellor

M’għandekx bżonn riferiment biex tibda sessions ma’ counsellor. Il-Counsellors jipprovdu appoġġ psikoloġiku. Huma kapaċi jaħdmu f’ambjenti different, inklużi kliniċi privati, ċentri tas-saħħa, servizzi komunitarji u edukattivi kif ukoll f’servizzi għaż-żgħażagħ. Wara li jkunu ggradwaw fil-psikoloġija jew f’suġġett ieħor fix-xejnza soċjali, jkunu komplew l-istudji tagħhom b’masters. Il-counsellors jista’ jkollhom ukoll taħriġ speċifiku bħal ngħidu aħna jkunu speċjalizzati fuq il-vizzji, u għalhekk tista’ ssibhom ukoll f’ċentri ta’ rijabilitazjoni.

Psikologi

M’għandekx bżonn riferiment biex tibda sessions ma’ psikologu. Permezz tat-taħriġ tagħhom, il-psikologi kapaċi japplikaw terapiji u interventi psikoloġiċi fuq varjeta` wiesgħa ta’ problemi ta’ saħħa mentali bħal ansjeta`, depressjoni, u skizofrenija. Wara li jkunu ggradwaw fil-psikoloġija, il-psikologi jkunu komplew l-istudji tagħhom b’masters f’qasam speċjalizzat bħal dak kliniku jew counselling. Hemm psikologi li jispeċċjalizzaw f’oqsma differenti bħal dak edukattiv, forensiku jew organizzattiv. Il-psikologi huma rreġistrati ma’ bord ta’ reġistrazzjoni nazzjonali. Huma jiġu mogħtija warrant wara li jkunu għamlu sentejn jaħdmu taħt superviżjoni.Il-psikologi m’humiex professjonisti mediċi u għalhekk ma’ jistgħux jippreskrivu mediċina. Skond it-taħriġ tagħhom, il-psikologi huma kapaċi jwettqu valutazzjonijiet u jipprovdu dijanjosi. Tista’ ssib psikologi kemm fi kliniċi, sptarijiet, ċentri tal-komunita`, skejjel, ċentri ta’ rijabilitazzjoni u faċilitajiet korrettivi.

Psikoterapisti

M’għandekx bżonn riferiment biex tibda sessions ma’ psikoterapista. Permezz tat-taħriġ tagħhom, il-psikoterapisti jistgħu jgħinu u jissaportjaw individwi biex jifhmu aħjar lilhom infushom u jgħixu kwalita` ta’ ħajja aħjar. Punt importanti fit-terapija huwa li jinbena ambjent terapewtiku u sigur li jagħti l-opportunita` lill-persuna biex titkellem fuq suġġetti sensittivi jew diffiċli. Il-psikoterapija tista’ tkun utli biex tghin f’każi ta’ trawma, niket f’każ li titlef lil xi ħadd, dipressjoni u ansjeta`. It-taħriġ ta’ psikoterapist jinkludi studju universitarju f’suġġett tax-xjenza soċjali li jkompli għal masters f’dixxiplina speċifika ta’ terapija. Hemm diversi tipi ta’ psikoterapija bħal EMDR, terapiji mal-individwu (bħal Gestalt Psychotherapy jew Cognitive Behavioural Therapy), mal-koppji, mal-familji u mat-tfal.

Qed tikkunsidra tibda t-terapija? Hawnhekk tista’ ssib lista ta’ mistoqsijiet li ħafna nies ikollhom dwar xi tfisser terapija u kif tagħmel l-ewwel pass. .

Infermiera Psikjatriċi

L-infermiera psikjatriċi (psychiatric nurses) huma infermiera rreġistrati u speċjalizzati fit-trattament u l-kura ta’ persuni b’mard mentali. Ġeneralment jinstabu f’ambjenti mediċi bħal sptarijiet, kliniċi u servizzi tal-komunita`. L-infermiera psikjatriċi jistgħu jipprovdu għajnuna b’medikazzjoni u appoġġ prattiku, kif ukoll pariri jekk ikun sar aktar taħriġ.

Occupational Therapists (OT)

L-Occupational Therapists jgħinu fit-trattament ta’ kundizzjonijiet fiżiċi, psikoloġiċi u psikjatriċi billi jwettqu interventi mmirati biex kemm jista’ jkun iġibu l-quddiem il-funzjonalita`, l-awtonomija u l-indipendenza tal-persuna fl-aspetti kollha tal-ħajja ta’ kuljum. Huma wkoll kapaċi jintervjenu fi ħtiġijiet fejn tidħol il-kura personali, xogħol tad-dar, ħiliet sabiex jinstab impjieg u kif ukoll biex wiehed jibni relazzjonijiet b’saħħithom. Occupational therapists jistgħu jinstabu fi sptarijiet, ċentri ta’ rijabilitazzjoni, servizzi fil-komunita` u djar tal-kura. Huma jagħmlu wkoll żjarat fid-djar jew postijiet tax-xogħol sabiex ikunu jistgħu jgħinu lill-persuna fl-ambjent tagħha.

Psikjatri

Il-psikjatri huma tobba li għandhom taħriġ speċifiku fil-psikjatrija. It-tabib tal-familja jista’ jirreferik għand psikjatra jekk iħoss li għandek bżonn ta’ speċjalist, jekk it-trattament li kien tak hu mhux qed jaħdem kemm tixtiequ jew jekk il-problema qed tibqa tirrepeti ruħha. Il-psikjatra jkun jista’ jpoġġi miegħek biex jifhem x’tip ta’ kura tista’ tgħinek l-iktar. Il-psikjatri jaraw il-klijenti tagħhom regoralment sabiex jevalwaw jekk il-kura hux qed taħdem kif suppost, jekk hemmx xi side effects u jekk il-persuna tinsabx kuntenta bit-trattament tagħha. Il-psikjatri jaħdmu kemm fi kliniċi privati u kemm f’dawk publiċi u spiss jaħdmu f’timijiet multidixxiplinarji li jinvolvu professjonisti oħra bħal OTs, infermiera psikjatriċi, ħaddiema tal-outreach u social workers.