Ngħixu ma’
In-Niket u t-Telfa
X’inhuma dawn?
Meta persuna titlef lil xi ħadd li huwa importanti għalih/a, huwa komuni li jesperjenza niket. Bla dubju ta’ xejn, aktar kemm it-telfa tkun kbira għall-persuna aktar l-emozzjoni se tkun b’saħħitha. Ġeneralment dan huwa proċess li jieħu ż-żmien u mhux xi ħaga li tgħaddi malajr. L-emozzjonijiet li jista’ jesperjenza l-individwu huma varji u jinkludu dwejjaq kbar, rabja, frustrazzjoni, sogħba kif ukoll xokk. Ċertu individwi jgħaddu minn fażi fejn ma jippermettux lilhom infushom jesperjenzaw dawn l-emozzjonijiet. Il-proċess hu twil, tant li individwu jista’ jaghmel xhur, anke snin jesperjenza emozzjoniet li jfixklu l-ħajja personali tiegħu. Individwu jaf ma jaffrontax is-sitwazzjoni bir-rizultat li jinnega dak li ġara u jidħol go dinja oħra fejn jinqata’ kompletament mir-realta’ tal-ħajja. It-tbatija taf tkun kbira u insapportabbli.
F’mumenti bħal dawn il-persuna issib lilha nfisha titgħallem tgħix b’realta` ġdida. Huwa normali li wieħed iħossu li qisu ma jafx minn fejn ser jibda fil-bidu. Huwa importanti ferm li ma tinqatax waħdek L-għajnuna hi kruċjali sabiex wieħed jibda bilmod jimxi l-quddiem. Wieħed għandu dejjem javviċina lil xi persuna li jafda jew persuna professjonali fil-qasam sabiex l-individwu jkun iggwidat fit-triq it-tajba. F’Malta wieħed isib ukoll entitajiet li joffru servizz t’għajnuna bla ħlas.
Affarijiet li tista’ tagħmel biex tgħin lilek innifsek:
- Tkellem ma’ ħbieb jew familjari li taf li se jkunu hemm għalik u li jistgħu jkunu ta’ wens f’dan il-proċess
- Fittex għajnuna professjonali mingħand xi ħadd li għandu esperjenza f’dan is-suġġett
- Kun ċert li qed torqod sew, tagħmel l-eżrċizzju kif ukoll tiekol ikel sustanzjuż. Hu ħsieb lil ġismek
- Żomm ir-rutina. Żid attivitajiet li jagħmlulek il-ġurnata sabiħa.
- Ikteb il-ħsibijiet tiegħek fuq djarju
- Ikteb ittra lill-persuna li tlift bl-affarijiet li xtaqt jew li tixtieq tgħidilha
- Żomm kaxxa bħala tifkira bl-affarijiet tal-persuna
Kif tgħin lil xi ħadd li għaddej minn niket:
- Isma’ u pprova ifhem lill-persuna. M’hemmx bżonn tgħid wisq, kultant il-preżenza tiegħek tkun biżżejjed.
- Fil-ħajja m’hemmx biss niket iżda hemm esperjenzi oħra li jistgħu jagħmluk ferħan. Ipprova inkludi lil ta’ madwarek f’attivitajiet ġodda u soċjali.
- Staqsi direttament kif tista’ tkun ta’ għajnuna u toffri sapport prattiku bħal takkumpanjahom għal xi appuntament jew tagħmel xi xiri ta’ kuljum. L-iżgħar ħwejjeġ jistgħu jagħmlu differenza kbira.
- Jekk wieħed ikun jixtieq, tkellem fuq il-memorji sbieħ li kellkom mal-persuna.
- Jekk wara ċertu żmien wieħed ikun għadu għaddej min dan il-proċess ta’ niket, huwa importanti li jkun hemm inkuraġġement biex il-persuna tfittex għajnuna professjonali.
In-Niket u d-Dipressjoni
Fil-bidu, id-dipressjoni u n-niket jaf jidhru u jinħassu l-istess. It-tnejn għandhom l-istess sintomi u jqanqlu ċertu emozzjonijiet bħal apatija, diffikulta biex wieħed jorqod kif ukoll nuqqas ta’ aptit. In-niket jaf jikkawżja dipressjoni, meta wieħed jibqa’ jesperjenza dawn is sintomi għal tul twil ta’ żmien. Persuna li tbati bid-dipressjoni jaf ukoll tħossha mhux kapaċi tkamps u dan jista’ jkun li jwassal biex jibdew jiġuha ħsibijiet ta’ suwiċidju. Jekk wieħed jibda jħoss dan id-dwejjeq kif ukoll jaħseb fuq ċertu ħsibijiet negattivi li qed itelfuh milli jgħix il-ħajja normali ta’ kuljum, huwa importanti li wieħed ifittex l-għajnuna professjonali. Agħfas hawn biex issib lista ta’ riżorsi.