Nifhmu Aktar l-Ansjetà

Tipi Differenti t’Ansjetà

Id-Diżordni tal-Ansjetà Ġeneralizzata (GAD)

Ansjetà qawwija fl-attivitajiet ta’ kuljum.

Xi nies jesperjenzaw ansjetà fuq terminu twil f’firxa sħiħa ta’ sitwazzjonijiet u dan isir ta’ tfixkil f’ħajjithom. Dawn in-nies għandhom id-diżordni tal-ansjetà ġeneralizzata. Is-sintomi ewlenin tad-diżordni tal-ansjetà ġeneralizzata huma ansjetà u inkwiet kbir u bla bażi (dwar affarijiet li jistgħu jmorru ħażin jew l-inabbilta’ tal-persuna biex tkampa f’dik is-sitwazzjoni) flimkien ma’ ħafna sintomi fiżiċi u psikoloġiċi tal-ansjetà jew tensjoni, li jseħħu iktar iva milli le, għal ta’ mill-inqas sitt xhur. Nies b’diżordni tal-ansjetà ġeneralizzata jinkwetaw iżżejjed dwar il-flus, is-saħħa, il-familja u x-xogħol, anki meta m’hemmx sinjali ta’ inkwiet. L-ansjetà tidher diffiċli biex il-persuna tikkontrollaha. Karatteristiċi oħrajn jistgħu jinkludu diffikulta` bl-inċertezzi, naħsbu li l-inkwiet huwa mod utli kif wieħed jista’ jkampa mal-problemi u diffikulta` biex insibu soluzzjonijiet. Id-diżordni tal-ansjetà ġeneralizzata tista’ tagħmilha diffiċli biex in-nies jikkonċentraw fuq ix-xogħol jew fl-iskola, li jiffunzjonaw id-dar u li jkomplu b’ħajjithom.

Diżordni tal-Ansjetà Soċjali (Fobija Soċjali)

Magħrufa bħala fobija soċjali.

Dan jinvolvi biża’ jew skumdita’ kbira f’firxa ta’ sitwazzjonijiet soċjali. Sitwazzjonijiet li ħafna nies jibżgħu minnhom jinkludu li jkollhom jitkellmu jew jieklu fil-pubbliku, joħorġu fuq ‘date’ jew avvenimenti soċjali. Dawn huma sitwazzjonijiet fejn il-pubbliku għandu mnejn jiskrutinizza lil dak li jkun u fejn il-persuna normalment tibża’ li se ġġib ruħha b’mod li huwa imbarazzanti jew b’mod umiljanti. Il-biża’ ewlenija tagħhom hija li n-nies se jaħsbu ħażin fuqhom. Biex wieħed jagħmel dijanjożi, l-ansjetà dwar is-sitwazzjonijiet soċjali għandha ddum għal 6 xhur jew aktar. Din id-diżordni ta’ spiss tiżviluppa fi tfal mistħija hekk kif isiru adoloxxenti.

Fobiji Speċifiċi

Il-biża’ ta’ xi ħaġa jew sitwazzjoni speċifika.

Persuna li għandha fobija tevita li tagħmel attivitajiet minħabba l-biża’. Din il-biża’ tidher persistenti, eċċessiva u mingħajr raġuni. Il-fobiji huma komuni u rari jikkawżaw problemi kbar lil min jesperjenzahom. Il-persuna jkollha biża’ kbira ta’ postijiet, avvenimenti jew oġġetti speċifiċi u ta’ spiss tevitahom biex tevita l-ansjetà. L-aktar biżgħat komuni huma l-biża’ mill-brimb, insetti, ġrieden, sriep u mill-għoli. Oġġetti u sitwazzjonijiet oħra li ħafna nies jibżgħu huma l-annimali, id-demm, siringi jew labar, maltempati, is-sewqan, l-ivjaġġar bl-ajru jew postijiet magħluqin.

Diżordni ta’ Paniku

L-esperjenza t’attakki ta’ paniku frekwenti.

Xi nies ikollhom perjodi qosra ta’ ansjetà kbira liem perjodu jissejjaħ attakk ta’ paniku. Attakk ta’ paniku huwa meta persuna teseprjenza ħafna apprensjoni u biża’ f’salt wieħed. Dawn l-attakki jistgħu jibdew f’daqqa u jiżviluppaw malajr. Il-biża’ li l-persuna tesperjenza waqt attakk ta’ paniku tkun kbira, anke meta wieħed iqabbel ma’ xi jkun li qed jikkawża. Sintomi ta’ attakk ta’ paniku jistgħu jidhru simili ħafna għal dawk ta’ attakk tal-qalb. Dawn jistgħu jinkludu li l-persuna tħoss qalbha tħabbat u tgħaġġel ħafna, tibda tegħreq, taqta’ nifisha, tħoss uġigħ f’sidirha, sturdament, u tibda tibża’ li ser titlef il-kontroll. La darba persuna jkollha wieħed minn dawn l-attakki, kapaċi tibda ta’ spiss tibża’ li se jkollha attakk ieħor u allura tista’ tibda tevita postijiet fejn diġa’ kienet esperjenzat attak ta’ paniku. Il-persuna tista’ tevita li tagħmel l-eżerċizzju jew attivitajiet oħrajn li jistgħu jipproduċu sensazzjonijiet fiżiċi simili għal dawk ta’ attakk ta’ paniku.

Huwa importanti li wieħed jiddistingwi bejn attakk ta’ paniku u diżordni ta’ paniku. Li persuna jkollha attakk ta’ paniku mhux neċessarjament ifisser li l-persuna se tiżviluppa diżordni. Persuna li għandha diżordni ta’ paniku tesperjenza attakki ta’ paniku rikorrenti għal ta’ mill-inqas xahar, tkun inkwetata fuq attakki ta’ paniku li jistgħu jseħħu fil-futur u l-konsegwenzi ta’ dawn l-attakki ta’ paniku. Waqt li xi nies jistgħu jiżviluppaw din il-kundizzjoni wara ftit attakki ta’ paniku, jkun hemm min jesperjenza l-attakk mingħajr ma jiżviluppa kundizzjoni. Hemm oħrajn li jiżviluppaw l-agorafobija, fejn jevitaw postijiet fejn jibżgħu li jistgħu jkollhom attakk ta’ paniku.

Id-Disturb Ossessiv-Kompulsiv (OCD)

Ċertu ħsibijiet u azzjonijiet li jikkawżaw ansjetà u stress qawwi.

Id-disturb ossessiv-kompulsiv ta’ spiss jibda waqt l-adolexxenza u jista’ jkun kundizzjoni li l-persuna tgħix biha għal ħajjitha. Apparti ansjetà, persuna li tgħix bl-OCD tista’ tesperjenza ħsibijiet ossessivi u mġieba kompulsiva. Ħsibijiet ossessivi huma ħsibijiet rikorrenti, impulsi u stampi intrussivi. Il-persuna ma tkunx trid taħseb fuqhom, anke għaliex ma jistgħu ma jkunux xierqa, u allura jikkawżaw ħafna ansjetà. Ħafna ħsibijiet ossessivi huma dwar il-biża’ tal-kontaminazzjoni, is-simetrija u l-preċiżjoni, is-sigurta`, impulsi sesswali, impulsi aggressivi u preokkupazzjoni fuq ir-reliġjon.

Imġieba kompulsiva hija mġieba ripetittiva jew atti mentali li l-persuna tħoss li trid tagħmilhom kawża ta’ ossessjoni, biex tnaqqas l-ansjetà tagħha. Tipi ta’ mġieba kompulsiva komuni jinkludu li persuna taħsel, tiċċekkja, tirrepeti, tordna, tgħodd, taħżen jew tmiss l-affarijiet b’mod ripetittiv.

Disturbi minn Stress Postrawmatiku (PTSD)

Tiġi kkawżata wara tgħeddid reali jew perċepit fuq il-ħajja.

Id-disturb minn stress postrawmatiku jista’ jseħħ wara li persuna tkun ġiet mhedda b’ħajjitha, weġġgħet gravi jew esperjenzat vjolenza sesswali. Eżempji ta’ trawma jinkludu l-involviment f’xi gwerra, aċċidenti, attakki (fosthom attakki fiżiċi jew sesswali, attakki vjolenti ta’ serq, jew vjolenza fil-familja) u anke meta l-persuna tara xi ħaġa orribbli sseħħ. Avvenimenti trawmatiċi tal-massa jinkludu attakki terroristiċi, sparar fuq kotra ta’ nies, gwerer u diżastri naturali (bħal terremoti).

Wieħed mis-sintomi prinċipali ta’ PTSD huwa li l-persuna terġa’ tesperjenza t-trawma. Dan jista’ jsir fil-forma ta’ ħolm rikorrenti tal-avveniment, memorji li jiġu f’salt, memorji intrużivi jew nuqqas ta’ kalma f’sitwazzjonijiet li jfakkruhom fl-avveniment. Persuna tista’ tibda tevita b’mod persistenti affarijiet assoċjati mal-avveniment, li jista’ jdum għaddej għal xhur jew snin sħaħ. Barra minn dan, jiżdiedu wkoll is-sintomi persistenti ta’ disturbi emozzjonali (il-persuna tibda tkun attenta żżejjed għal dak li qed jiġri madwarha l-ħin kollu, tkun nervuża, tieħu qatgħa malajr, tirrita ruħha, issir iktar aggressiva u tbati biex torqod sew). Il-persuna għandha mnejn tibda titfa ħafna tort fuqha nnifsha jew fuq nies oħrajn, turi inqas interess f’nies oħrajn u f’dak li qed jiġri madwarha u jista’ jkun li ma tkunx tista’ tiftakar l-avveniment kollu.

Huwa komuni li nies iħossuhom imħawdin eżatt wara avveniment trawmatiku. Waqt li l-maġġoranza tan-nies jirkupraw mingħajr diffikulta`, ikun hemm min ibati biex iħalli t-trawma warajh. Dan jiddependi fuq ħafna fatturi bħan-natura tal-avveniment, jekk weġġgħux in-nies u min kien l-aggressur f’każ ta’ vjolenza. Jekk id-dwejjaq idumu iktar minn xahar, dan jista’ jkun każ li qed jesperjenzaw disturb minn stress postrawmatiku. Mhux kull min iħossu mdejjaq ħafna wara avveniment trawmatiku jiżviluppa mard mentali bħad-disturb minn stress postrawmatiku jew id-dipressjoni.