Ngħidu Kelma

Nitkellmu fuq is-Suiċidju

1. Tibda Konverżazzjoni ma’ xi Ħadd li qed Jaħseb fuq is-Suiċidju

Li titkellem ma’ xi ħadd li int inkwetat fuqu tista’ tkun xi ħaġa li tbeżżana. Meta possibbli, ipprova pprepara lilek innifsek qabel ma tibda l-konverżazzjoni.

Agħżel post fejn tistgħu titkellmu, x’imkien għal kwiet. Kun attent għal attitudnijiet tiegħek fuq is-suiċidju, u kun lest li tisma’ opinjonijiet differenti minn tiegħek.

Waħda mill-iktar punti importanti huwa li tkun ppreparat għal kull tweġiba. Il-persuna tista’ tammetti li qed ikollha ħsibijiet ta’ suiċidju, tgħid le jew tibda tevita s-suġġett. Jekk ma tħossokx lest li jkollok din il-konverżazzjoni, għandek raġun. Tisfurzax lilek innifsek f’sitwazzjonijiet li mhux ser tkun komdu fihom. Minflok, fittex xi ħadd viċin tal-persuna, xi qarib jew ħabib, u għinhom ikellmuha.

Jekk għandek suspett li l-persuna qiegħda f’riskju li tweġġa’ lilha nnifisha, huwa importanti li ma nistennewx. Ibda l-konverżazzjoni tiegħek b’mistoqsija sempliċi, bħal “kif int?” u isma’ sew. Iddeskrivi dak li osservajt dan l-aħħar u spjega li tinsab inwketat fuqhom.

Staqsi direttament

F’xi punt tal-konverżazzjoni hem bżonn tistaqsi fuq dak li qed jinkwetak. Huwa importanti li tistaqsi b’mod ċar u dirett. Per eżempju, tista’ tistaqsi:

“Qed taħseb li toqtol lilek innifsek?”

“Qed ikollok ħsibijiet ta’ suiċidju?”

Evita sentenzi u mistoqsijiet vagi jew mhux ċari, bħal “qed taħseb li tagħmel xi ħaġa”, jew mistoqsijiet fejn inkunu qed niġġudikaw jew nisfurzaw lil persuna twieġeb ‘le’, bħal “mhux qed taħseb li tagħmel xi ċuċata hux?”. Tużax akkużi jew ħtija bħal “għandek tant għal xiex tgħix, għalxiex qed tagħmel hekk?”, jew inwarrbu dak li l-persuna għaddejja minnu billi ngħidulha, “u le, issa tara kif jgħaddilek waħdu”. Tisfidax jew tinterrompi bl-istejjer tiegħek. Dawn jistgħu jżidu l-ħtija li l-persuna jista’ jkun tkun qed tħoss, u jkun hemm inqas ċans li ser titkellem miegħek fuq x’qed jiġri.

Żball komuni huwa li naħsbu li jekk ser nistaqsu lil xi ħadd fuq is-suiċidju, qed indaħħlulhom il-ħsieb f’moħħhom. Dan mhux il-każ. Bil-kuntrarju, meta nistaqsu fuq is-suiċidju, qed nagħtu l-persuna l-opportunita` titkellem fuq dak li għaddejja minnu, u turi li lest li titkellem fuq is-suġġett, hu kemm hu diffiċli.

2. Nevalwaw is-Sitwazzjoni

Kif għandek taġixxi f’sitwazzjoni delikata.

Jekk iwieġbu ‘iva’

Huwa komuni u normali li tħoss paniku u xokk meta l-persuna tammetti li għandha ħsibijiet ta’ suiċidju. Ftakar li int persuna umana. Biex kemm jista’ jkun nagħtu s-sapport tagħna lill-persuna, ipprova żomm lura milli tesprimi emozzjonijiet negattivi. Meta nidhru kalmi, kunfidenti u lesti biex nisimgħu nifhmu, inkunu qed ngħinu lil persuna tħossha bl-istess mod.

Irringrazzjahom talli kienu onesti miegħek u qasmu dak li qed iħossu miegħek. Kun ġentili u staqsi mistoqsijiet bilmod biex tifhem iktar. Fl-istess ħin, assigurahom li jistgħu jitkellem sa kemm iridu u sa kemm iħossuhom komdi.

 

Nifhmu l-urġenza

Kull diskors fuq is-suiċidju għandu jittieħed bis-serjeta`. Żball komuni huwa li l-persuna qed tagħmel dan għall-attenzjoni. Ftakar li anke jekk dan hu l-każ, il-persuna għandha bżonn għajnuna professjonali u kull ħsieb ta’ suiċidju għandu jittieħed bis-serjeta`.

Xi sinjali ta’ suiċidju jinkludu:

  • Il-persuna jkollha pjan
  • Tkun taf kif ser toqtol lilha nnifisha
  • Jekk il-peruna ddeċidietx li toqtol lilha nnifsiha
  • Jekk għandhiex aċċess għal armi jew mezzi biex ittemm ħajjitha
  • Jekk tużax alkoħol jew droga. Meta l-persuna tkun taħt l-effett, ikun hemm riskju ogħla li taġixxi fuq il-ħsibijiet tagħha
  • Jekk attentawx jew ippjanawx biex jagħmlu suiċidju fl-passat

Matul il-konverżazzjoni, ipprova iġbor kemm tista’ informazzjoni, bħal per eżempju jekk kienx hem xi tibdiliet riċentament fil-ħajja tal-persuna jew bdietx xi trattament għal problem ta’ saħħa mentali.

Għalkemm dawn is-sinjali juru li hemm żieda fl-urġenza, ma jfissirx li jekk m’hemmx pjan il-persuna qiegħda sigura. Huwa importanti li tigwida u tassisti lil persuna biex tfittex għajnuna professjonali.

Jekk iwieġbu ‘le’

Jekk il-persuna twieġeb ‘le’, kun ċert li żżomm relazzjoni tajba u fakkarhom li ser tkun hemm għalihom u lest biex tissapportjahom. Offri li tmur magħhom għall-appuntament ma’ speċjalista tas-saħħa mentali jekk isibuha diffiċli jagħmlu dan waħidhom. Kultant, għajnuna fil-ħajja ta’ kuljum bħal twassal lil persuna għall-appuntament jew tgħinhom bix-xirja taf tagħmel differenza kbira.

Jekk il-persuna qaltlek li mhux qed taħseb fuq is-suiċidju imma għadek inkwetat li jistgħu iweġġgħu lilhom infushom, fittex l-għajnuna ta’ professjonist biex jigwidak. Hemm il-helplines disponibbli 24-siegħa li jistgħu jevalwaw il-każ u jigwidawk. Afda dak li qed tħoss u tħallix dubji għaddejin mingħajr ma tiċċarahom.

Tagħmel x’tagħmel, qatt twiehed li ser iżżomm konverżazzjoni bejnek u bejnhom biss. Jekk jistaqsuk biex iżżomm dak li ntqal sigriet, fakkarhom li int jinteressak minnhom u ma tridx tarahom imweġġa’. Iggwidahom għal speċjalista tas-saħħa mentali u kun hem għalihom

Jekk il-persuna qiegħda f’riskju imma qed tirrfjuta li tfittex l-għajnuna, jista’ jkollok tagħmel dan kontra r-rieda tagħha. Jekk il-persuna weġġgħet lilha nnifisha jew qiegħda fil-periklu, ċempel 112 immedjatament.

3. Pjan ta’ Sigurezza

Fil-maġġorparti tad-drabi, il-persuna ma tkunx trid tmut, iżda tkun qed issibha diffiċli tkompli tgħix il-ħajja tagħha.

Persuna li qed tikkunsidra s-suiċidju m’għandix titħalla waħidha. Fakkarhom li l-ħsibijiet ta’ suiċidju huma komuni, imma ma jfissirx li hemm bżonn naġixxu fuqhom.

Ikkrejaw pjan flimkien. Studji varji juru li pjan biex il-persuna żżomm lilha nnifisha sigura jgħin biex jitnaqqsu l-intensita` tal-ħsibijiet ta’ suiċidju.

Għin lil persuna iżżomm madwarha sigur. Għinhom jarmu u jwarrbu affarijiet li jistgħu iweġġgħu lilhom infushom bihom.

Staqsiehom jekk hemmx xi ħbieb jew familjari oħra li jħossuhom komdi jitkellmu magħhom, u offri li tkun hem għalihom meta jkellmuhom. Iktar kemm jirnexxielkom issibu sapport minn dawk ta’ madwar il-persuna, iktar aħjar.

Agħmlu lista ta’ raġunijiet għal xiex il-persuna għandha biex tgħix, u għinha żżommha x’imkien fejn issibha malajr. Żomm lista ta’ għajnuniet professjonali bħal linji tat-telefon u chats disponibbli 24 siegħa. Jekk il-persuna kienet tiġi segwita minn professjonist, għinhom jikkuntattjawhom ħalli jagħmlu appuntament ieħor. Jekk qatt ma marru għand professjonist, iggwidahom għand psikjatra jew l-isptar.

Aqblu fuq ħin li tkunu ċerti li l-persuna ser tibqa’ sigura sa’ dak il-ħin. Ftehmu li ser iċċemplu lil xulxin f’ħinijiet partikolari, u liem linji l-persuna tista’ ċċempel jekk il-ħisbijiet jerġgħu jitqawwew.

4. Ħu Ħsieb Tiegħek Innifsek

Strateġiji biex Tieħu Ħsieb Tiegħek Innifsek

Dan is-suġġett jista’ jikkawża varjeta` ta’ emozzjonijiet, speċjalment jekk qed tieħu ħsieb xi ħadd li qed jesperjenza ħsibijiet ta’ suiċidju, attenta s-suiċidju jew tilef lil xi ħadd li qatel lilu nnifsu. Jista’ jkun tħossok kburi li qed tkun hem għall-persuna, għajjien, stressjat u li għandek wisq fuq il-platt.

Li tieħu ħsieb tiegħek innifsek huwa importanti ferm f’dawn iż-żminijiet. Faċilment ninjoraw dak li qed nħossu biex nieħdu ħsieb lil oħrajn.

Dawn huma xi punti li jistgħu jgħinuk:

  • Żomm kuntatt ma’ qrabatek u ħbieb biex jissapportjawk
  • Agħmel il-limiti tiegħek ċari ta’ l-għajnuna li tista’ toffri u għal kemm żmien
  • Tieħux ir-responsabbilta` kollha fuqek; involve nies oħra biex kollha tkunu tistgħu tissapportjaw lil persuna
  • Ara jekk l-imgħallem tiegħek jistgħax jgħinek, forsi tkun tista’ tirranġa l-ħinijiet tax-xogħol għal perjodu qasir
  • Ħu brejk u agħmel attivtaijiet oħra bħal tmur mmixja jew passiġġata
  • Jekk tħossok affetwat minn dak li qed jiġri, kellem professjonist biex jgħinek tiproċessa dak li qed jiġri