X’Tista’ Tagħmel

Trattamenti għad-Dipressjoni

Tibdiliet fl-Istil ta’ Ħajja u Sapport

Nadottaw Drawwiet Ġodda fil Ħajja ta’ Kuljum

L-istil ta’ ħajja u s-sapport minn dawk ta’ madwarna jafetwaw is-saħħa mentali tagħna mux ftit. Riċerka turi li s-sintomi tad-dipressjoni jonqsu meta aħna naddottaw stil ta’ ħajja tajjeb li jinkludi l-eżerċizzju u dieta tajba. Għal kuntrarju, vizjijiet ħżiena bħal abbuż mid-droga u xorb jagravaw is-sintomi tad-dipressjoni.

Barra minn hekk, is-sapport ta’ dawk ta’ madwarna jista’ jagħmel differenza kbira. Huwa importanti li f’ħajjitna jkollna nies li jistgħu jkunu hemm għalina u jismgħuna. Dan jgħinna biex nitkellmu u niftħu qalbna meta jkun żmien ftit diffiċli.

Mindfulness u Meditazzjoni

Insibu ftit kwiet, grounding u strateġiji ta’ rilassament.

Mindfulness hija teknika fejn wieħed jiffoka u jkun konxju tas-sensazzjonijiet u s-sentimenti tiegħu stess. B’hekk jirnexxielna li nkunu fil-mument preżenti u konxji ta’ dak li qed jiġri f’dak il-mument. Il-mindfulness hija mmirata biex tgħinna biex ma nibqgħux mwaħħla fil-passat jew inkwetati dwar il-futur. Eżerċizzji tan-nifs jew “L-Eżerċizzju tal-Ħames Sensi” huma magħrufa li huma modi faċli u ta’ malajr biex tipprattika l-Mindfulness.

Terapija Psikoloġika

Tesplora l-passat tiegħek, tifhem il-preżent u tħares il-quddiem lejn il-futur.

It-terapija hija waħda mill-għażliet ta’ trattament fejn tidħol id-depressjoni. Bit-terapija, l-individwu jibni relazzjoni terapewtika mat-terapista tiegħu u jesplora kif is-saħħa mentali tiegħu qed tħalli impatt fuq il-ħajja tiegħu ta’ kuljum. Dan isir bil-għan li tnaqqas l-effetti negattivi li l-kundizzjoni tista’ tikkawża. Hemm diversi terapiji u llum il-ġurnata individwi għandhom ukoll l-għażla għat-terapija online.

Modalitajiet differenti joffru approċċi u perspettivi differenti. L-iktar fattur importanti huwa r-relazzjoni li tiżviluppa mat-terapista tiegħek. L-approċċ ta’ kull terapista se jkun uniku, u r-relazzjoni terapewtika hija kruċjali biex it-terapija tkun effettiva. Huwa għal din ir-raġuni li għandek bżonn tkun żgur li tħossok komdu mat-terapista tiegħek.

Terapija Individwali

Il-persuna flimkien mat-terapista tesplora dak li qed jiġri fil-ħajja tal-persuna. Jista jkun li inti tkun trid tiddiskuti kwalunkwe diffikultà attwali li qed taqsam mat-terapista, jew tuża din l-opportunità biex tkun tista tikber aktar. Jista’ jagħti l-kas li tkun trid ittejjeb id-drawwiet ta’ komunikazzjoni tiegħek jew tagħmel sens min xi avvenimenti li ġraw f’ħajtek.

F’każ fejn ikun ġie konfermat li il-persuna tkun qed dbati min xi disoardni, it-terapija tista’ tgħin biex tesplora kwalunkwe fatturi ta’ stress jew kawżi, u kif is-sintomi qed jaffettwaw il-kwalità tal-ħajja tal-individwu. Flimkien mat-terapista, l-individwu mbagħad jitgħallem kif jagixxi bill-ħsibijiet li qabel kienu diffiċli biex jiġu ttrattati.

Cognitive Behaviour Therapy (CBT)

It-terapija CBT hija bbażata fuq il-kunċett li l-ħsibijiet, l-emozzjonijiet, is-sensazzjonijiet fiżiċi, u l-azzjonijiet tagħna huma konnessi, u li ħsibijiet u emozzjonijiet negattivi jistgħu iżommu persuna f’ ċiklu vizzjuż. CBT jgħin lill-persuna taffaċċja l-problemi b’mod aktar pożittiv billi taqsamhom f’partijiet iżgħar. Wieħed jitgħallem idawwar rutini negattivi f’oħrajn pożittivi biex iħossu aħjar. Is-CBT tiffoka fuq problemi kurrenti u tgħin lill-persuna ttejjeb l-istat mentali tagħha b’modi prattiċi.

    EMDR

    Tapplika l-iżjed għal persuni li qed jesperjenzaw sintomi ta’ trawma, fosthom fejn l-memorja ma tkunx ġiet proċessata sew. Dawn il-memorji jistgħu jinkludu emozzjonijiet, ħsibijiet, u sensazzjonijiet fiżiċi simili għal dawk esperjenzati waqt it-trawma. L-EMDR hija terapija strutturata li tiffoka fuq dawn il-memorji flimkien ma’ eżerċizzji partikolari bil-moviment tal-għajnejn. Dan iwassal għat-tnaqqis ta’ memorji vividi u emozzjonijet assoċjati mat-trawma. L-EDMR tiffoka direttament fuq il-memorja u hija mmirata biex tibdel il-mod ta’ kif il-moħħ iżomm il-memorja. B’hekk, jitnaqqsu u jiġu eliminati s-sintomi problematiċi.

    Terapija tal-Familja

    Terapija tal-familja taħdem kemm fuq livell individwali kif ukoll ma’ koppji, familji, jew gruppi. Taħdem kemm ma’ tfal kif ukoll ma l-adulti, kemm jekk ikun hemm problema ta’ saħħa mentali, kif ukoll jekk ikun hemm problemi ġenerali. Hija effettiva bħala terapija matul l-istadji ta’ żvilupp kollha tal-ħajja – miċ-ċokon sax-xjuhija. Din it-tip ta’ terapija tuża r-relazzjonijiet bħala riżors sabiex tgħin tnaqqas id-diffikultajiet tal-membri kollha tal-familja.

    Trattamenti Mediċi għad-Dipressjoni

    Nifhmu l-kimiċi fil-moħħ.

    Hemm diversi sitwazzjonijiet fejn il-mediċina tista’ tkun ta’ għajnuna kontra d-dipressjoni. L-istudji juru li l-mediċinahija l-aktar effettiva meta tkun abbinata mal-psikoterapija.

    Id-deċiżjoni jekk il-persuna tibdiex il-mediċina tiġi bbażata fuq kemm hi severa l-kundizzjoni u kemm qed tħalli impatt fuq il-ħajja ta’ kuljum tal-persuna.

    Il-mediċina tista’ ukoll tkun bżonjuża jekk il-kundizzjoni tkun wisq severa biex tħalli l-psikoterapija taħdem. Trattamenti li tabib jew psikjatra jista’ jirrikomanda jinkludu: (i) ‘Antidepressant medication’, li ġieli niddiskrivuhom bħala kalmanti. Dan huwa l-iktar trattament mediku komuni u jingħataw meta l-kundizzjoni tkun moderata jew severa, jew inkella meta għajnuniet oħra ma jkunux ħadmu fuq il-persuna. (ii) Mediċina li tirregola l-burdata (mood stabilisers) li tiġi preskritta anke għal min jgħix bid-diżordni bipolari (iii) Mediċina li tingħata għal sintomi tal-psikosi (mediċini antipsikotiċi/antipsychotic medication). Għalkemm din normalment tingħata lill-persuni li għandhom kundizzjonijiet tal-psikosi bħal skizofrenija, tista’ wkoll tkun ta’ benefiċċju għal min ikun qed jesperjenza d-dipressjoni, id-diżordni bipolari jew inkella jekk mediċina oħra ma ħadmitx.

    Nies li jkunu qed jesperjenzaw dipressjoni jistgħu ikunu qed jiġugħhom ħsibijiet ta’ suwiċidju. Iktar ma tieħu ħsieb il-kundizzjoni, iktar dawn il-ħsibijiet ser jonqsu. Madanakollu, il-persuna għandha bżonn tkun segwita sew minħabba li minn meta tibda l-mediċina sa meta l-mediċina tibda taħdem, ir-riskju li l-persuna tweġġa lilha nnifisha jista’ anke jiżdied, speċjalment f’dawk ta’ eta` żgħira.

    X’inhuma s-side-effects?

    Il-mediċina kontra d-dipressjoni tista’ tgħinek tħossok aħjar, madankollu mhux ser tbiddel il-personalita` tiegħek jew tferrħek il-ħin kollhu. Bħal kull mediċina, hemm ċans illi wieħed jesperjenza xi forma ta’ side effects. Huwa importanti ferm li kemm ir-riskji u kemm il-benefiċċji tal-mediċina jiġu diskussi mat-tabib. Fakar li għandek kull dritt tistaqsi għall-informazzjoni fuq il-mediċina tiegħek sabiex tkun infurmat u jkollok kontroll fuq it-trattament tiegħek.

    Nies differenti jesperjenzaw sintomi differenti, pero side effects komuni jinkludu dardir, uġiegħ ta’ ras, ansjetà, għaraq, sturdament, aġitazzjoni, żieda fil-piż, ħalq xott, u diffikultajiet sesswali.

    Jista’ jkun li dawn is-sintomi ma jdumux fit-tul, pero huwa tajjeb li min jesperjenza dawn is-sintomi jżur tabib għal parir mediku. Huwa importanti li nsemmu li persuna m’għandha qatt taqbad u twaqqaf mediċina mingħajr ma tavża lit-tabib tagħha, għax dan jista’ jkollu konsegwenzi serji.

     

    Kemm għandi ndum nieħu il-mediċina?

    Simili għall-mediċini oħrajn, il-pilmli jieħdu ftit taż-żmien sabiex jibdew jaħdmu u biex ikunu effettivi. Ikun hemm persuni li kapaċi jibbenefikaw mill-mediċina għal perjodu qasir ta’ żmien. Oħrajn ikollhom bżonn jieħdu il-mediċina għal perjodu itwal, bl-istess mod li xi ħadd li jbati minn kundizzjoni bħad-dijabete jkollu bżonn jieħu pilmli jew l-insulina sabiex jikkontrolla il-kundizzjoni tiegħu.

    Huwa importanti li wieħed ma jwaqqafx il-mediċina jew inkella jibda’ jieħu mediċina mingħajr ma jikkonsulta tabib għal gwida. It-tabib tal-familja jew inkella psikjatra jistgħu jkunu ta’ għajnuna meta wieħed ikun qiegħed ifittex it-trattament ideali għalih. Dejjem iddiskuti xi mistoqsijiet, bħal per eżempju fuq l-effetti tal-mediċina, mat-tabib jew psikjatra sabiex tkun tista’ tara x’inhu l-aħjar trattament għalik.